Għaddiet sena u oħra u erġajna wasalna għal-laqgħa ġenerali. Din is-sena ma kinitx nieqsa mill-isfidi li jkollu eżekuttiv. Il-pandemija tal-Covid-19 ma għamlitx l-affarijiet faċli u kellna nadattaw skont il-bżonn.
Sfortunatament minħabba il-pandemija tal-Covid-19, il-ballu ma setax isir minħabba l-każijiet attivi li kien hemm. Ċertament din kienet l-aħjar deċiżjoni li stajna ħadna minkejja li xorta waħda seta’ jsir, imma bħala eżekuttiv iddeċidejna li dik kienet l-aħjar għażla biex niproteġu s-saħħa tal-istudenti u żgħażagħ Għawdxin.
Fil-bidu ta’ dan l-eżekuttiv kellna numru kbir ta’ laqgħat ma’ numru ta’ NGOs Għawdxin u Maltin, fosthom JCI, Gozo Regional Development Association, Għawdix, KNZ, KSU, KSM, Gozo NGO, u mal-Knisja kattolika. Iltqajna wkoll maż-żewġ partiti politiċi ewlenin biex nitkellmu magħhom dwar id-diffikultajiet u l-isfidi tal-istudenti. Ċertament li dawn kienu laqgħat pożittivi u rajna l-frott ta’ dawn il-laqgħat fejn rajna xi proposti li ressaqna aħna fil-programmi elettorali tal-partiti waqt l-elezzjoni.
Din is-sena saru wkoll żewġ surveys biex verament dejjem nibqgħu naraw dak li jrid l-istudent Għawdxi. L-ambjent ta’ madwarna dejjem kien ta’ prijorità għall-GUG u bqajna nitkellmu favur żvilupp sostenibbli. Tajna sapport flimkien ma’ 41 organizzazzjoni oħra, li ħafna minnhom huma għaqdiet studenteski għal protesta favur il-global climate change li saret minn extinction rebellion il-Belt Valletta. Morna wkoll żewġ clean ups f’Għawdex; waħda fil-Qala u l-oħra f’Għajnsielem. Ridna nagħmlu differenza bil-fatti u ngħaqadna ma’ Għawdix u l-Kunsill Nazzjonali taż-żgħażagħ li t-tnejn huma għaqdiet magħmulin b’żgħażagħ bħalna u għamilna konferenza fix-Xlendi. Ċertament li din kienet ta’ suċċess għax kienet covered mill-midja lokali u numru ta’ nies raw il-messaġġ li tajna aħna bħala tliet organizzazzjonijet.
Għamilna numru ta’ attivitajiet matul is-sena fosthom Wicked Wednesday li din is-sena għamilna 3. Għal dawn dejjem kellna attendenza numeruża iżda ma stajniex nagħmlu aktar minħabba l-pandemija. Fl-aħħar ġimgħat organizzajna attività f’Għawdex. Sfortunatament din l-attività kienet inqas ta’ suċċess minn Wicked Wednesday.
Ċertament li ma kienx nieqes l-impenn tal-GUG fl-MCAST. Għall-ewwel darba wara numru ta’ snin il-GUG kien preżenti waqt Freshers Week f’Raħal Ġdid. Għall-ewwel darba il-GUG kien preżenti wkoll waqt Freshers Week f’Għawdex. F’dawn l-aħħar tliet snin għamilna l-vuċi tal-istudent Għawdxi preżenti fl-MCAST u llum għadna membru mill-GUG fil-Kunsill tal-istudenti tal-MCAST. Kelli l-unur li jien ukoll inkun parti minn dan il-kumitat ukoll u ħdimna biex l-eżamijiet ikunu jistgħu jsiru f’Għawdex ukoll. Għal dan ix-xogħol ta’ dawn l-aħħar snin il-GUG rebaħ l-unur ta’ student organisation of the year.
Freshers din is-sena kienet ċertament ta’ suċċess. Kellna numru ta’ freebies bil-logo tal-GUG waqt freshers week u ġbarna oħrajn bħala sponsors. Wara numru ta’ snin erġajna introduċejna l-GUG Card u hawn aktar minn 125 student Għawdxi li għandu l-card. Erġajna għamilna l-magazine tal-GUG fejn fih kien hemm informazzjoni li studenti Għawdxin jistudjaw f’Malta jsibu utli.
Ħriġna numru ta’ press releases li jolqtu direttament lill-istudenti u oħrajn li jolqtu l-futur t’Għawdex bħalma kienu dwar l-airline u l-park and ride.
F’din is-sena wkoll kien hemm l-introduzzjoni tal-Fast Ferry. Ċertament li dan pass ‘l quddiem għall-konnettività bejn Malta u Għawdex speċjalment għalina l-istudenti. Mal-introduzzjoni tal-Fast ferry, ma baqgħetx taħdem il-bus X300 li kienet tieħu studenti Għawdxin miċ-Ċirkewwa lejn l-Università. Wara numru ta’ laqgħat twal flimkien mal-KSU ma’ Transport Malta u Malta Public Transport il-bus X300 bdiet taħdem meta l-fast ferry ma jaħdimx.
Mingħajr l-għajnuna ta’ kull wieħed mill-eżekuttiv, dan kollu ma kienx isir. L-esperjenza fil-GUG ċertament kienet waħda li se nibqa’ nġorr matul ħajti kollha. Nawgura lill-membri l-ġodda li se jkunu parti mill-GUG għall-ewwel darba. Għamlu dak kollu possibli biex il-vuċi tal-istudent Għawdxi tinstema’ bħal ta’ student Malti.
Owen Teuma
GUG President 2021/22
Leave A Comment