Reazzjoni tal-GUG dwar il-Park & Ride

Il-Grupp Universitarji Għawdxin jilqa’ l-aħbar tal-Park & Ride li se jopera bejn il-Heliport tax-Xewkija lejn il-Port tal-Imġarr. Studenti li jaqsmu ta’ kuljum lejn Malta jistgħu jipparkjaw il-vettura tagħhom fl-inħawi tal-Heliport u jaqsmu lejn Malta mingħajr il-ħsieb li mhumiex se jsibu post fejn iħallu l-karozza tagħhom.

Dan is-servizz tħabbar aktar kmieni illum mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u se jkun offrut kuljum inkluż fil-weekend u btajjel publiċi mill-5am sad-9pm.

Mill-5am sat-8am u mit-3pm sas-6pm is-servizz se jkun kull 10 minuti filwaqt li fil-bqija tal-ħinijiet se jkun kull 30 minuta. Il-Park & Ride se jkun mingħajr ħlas għal kulħadd u se jintużaw karozzi tal-linja elettriċi. Aktar kmieni din is-sena waqt laqgħa li l-GUG kellu mal-Ministru għall-Għawdex, tkellimna mal-Ministru dwar l-importanza li jsir dan il-Park & Ride. Nemmnu li dan is-servizz se jkun pass ieħor ‘il quddiem biex jiffaċilita l-ħajja tal-istudent Għawdxi.

 

Photo credits: Facebook – Clint Camilleri

2021-11-10T13:08:11+00:00November 10th, 2021|Categories: News|0 Comments

Leave A Comment

QUICKLINKS